Il-Gvern għandu jagħti kumpens immedjat lill-ħaddiema u lill-pensjonanti


  August 1, 2019 5:32 pm

Il-UĦM Voice of the Workers tirreferi għaż-żieda fil-prezzijiet tal-fuels li tħabbru mill-Gvern il-bieraħ.

Din il-union diġa’ ġibdet l-attenzjoni fuq iż-żidiet li tħabbru riċentament fil-prezzijiet tal-ħalib, tal-ħobż u tal-fuels – tliet prodotti essenzjali li żdiedu sostanzjalment. Fil-każ tal-fuels il-union qed titlob spjega ta’ kif l-Enemed qed tasal għall-prezz finali għall-konsumatur.

Il-Gvern injora wkoll proposta ta’ din il-union sabiex jagħti kumpens għall-għoli tal-ħobż. Fid-dawl li issa żdiedu prezzijiet fuq tliet kommoditajiet essenzjali, il-Gvern għandu jieqaf jinjora din  il-union u jagħti widen lill-familji Maltin li ntlaqtu ħażin minn dawn iż-żidiet, l-aktar dawk li għandhom dħul baxx u dawk  b’paga medja.

Waqt li l-paga medja nett f’Malta hija ta’ 33 fil-mija taħt il-medja Ewropea, żgur li l-prezzijiet lokali għall-konsumatur Malti mhumiex 33 fil-mija irħas mill-medja Ewropea.

Din il-union tħeġġeġ lill-Gvern sabiex, bl-aktar mod immedjat, jikkumpensa lill-ħaddiema, lill-familji tagħhom u lill-pensjonanti permezz ta’ mekkaniżmu miftiehem mal-imsieħba soċjali. Jekk il-Gvern jerġa’ jinjora dan l-appell li għamlet  din il-union, dan ikun ifisser li l-ħaddiema ma jingħatawx  kumpens f’dan il-Budget li ġej imma fil-Budget għall-2021.