Iffirmat ftehim settorali tant mistenni għad-dentisti li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Gvern


  May 3, 2019 4:22 pm

Il-UĦM Voice of the Works u l-Gvern iffirmaw ftehim settorali ieħor għad-dentisti li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Gvern. L-iffirmar tal-ftehim,  li kien ilu ma jiġġedded sa mill-1993, sar fil-Ministeru tas-Saħħa nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Mejju 2019.

Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li din il-union tinsab onorata bil-konklużjoni ta’ dan il-ftehim settorali, proċess li ħa t-tul tiegħu.  Wieħed irid jifhem li meta ftehim settorali jkun ilu ma jiġi mġedded dan minnu nnifsu joffri ċertu sfidi.

Josef Vella saħaq li s-servizz tad-Dentistrija hu importanti ħafna u s-soċjeta’ illum saret aktar konxja dwar is-saħħa tal-ħalq. Allura huwa importanti ħafna li d-Dentisti li jaħdmu fis-settur pubbliku jkollhom qafas jew struttura professjonali li jimmotivahom.

Hu qal li dan il-ftehim settorali qiegħed jagħti ftuħ biex id-dentisti jkunu jistgħu jkomplu jitħarrġu fl-ispeċjalizzazzjonijiet tagħhom.

Josef Vella awgura li dak li jinsab miktub fil-ftehim kollettiv jiġi implimentat. Dan għax dak li jurta lill-union hu li wara li jkunu konklużi ftehim settorali jew kollettivi, jgħaddu s-snin u wieħed isib li xi partijiet mill-ftehim ma ġewx implimentati. “Għalina dan ikun ta’ diżappunt għax  inkunu għamilna ħafna sforzi sabiex tinstab  ‘riċetta’ li biha ssir ħidma on a day-to-day basis”, sostna Josef Vella.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li s-sabiħ ta’ dan il-ftehim settorali hu li l-partijiet kollha se jiggwadanjaw minnu. “Se jibbenefika l-professjonist u se jiggwadanja direttament minnu l-pazjent innifsu filwaqt li  anki  l-Gvern se jgawdi dment li jara lill-ħaddiem u lill-pazjenti moqdija”, kompla Josef Vella.

Hu qal li meta t-tliet partijiet ikunu sodisfatti, anki l-UĦM Voice of the Workers tkun sodisfatta bis-suċċess miksub.

Josef Vella radd ħajr lil kulmin kien involut fil-proċess kollu, partikularment lil Mario Sacco, Employment Relations Senior Manager u lil Gian Paul Gauci, Assistent Direttur, li kienu strumentali ħafna fit-twettiq ta’ dan il-ftehim settorali. Ringrazzjament ieħor sar lid-dentisti li kkollaboraw fit-tfassil tal-ftehim u li approvaw l-istess ftehim settorali.

Il-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice of the Workers qed iħares ‘il quddiem biex mill-ftehim settorali joħroġ il-frott mixtieq, kemm mill-ħaddiema kif ukoll mis-sodisfazzjon li jieħu l-pazjent.

Chris Fearne, il-Ministru għas-Saħħa, qal li dan il-ftehim settorali l-ġdid se jkun qed itejjeb il-kundizzjonijiet  tal-professjonisti kif ukoll se jkun qed jagħti servizz aħjar lill-pazjenti.

Hu fisser li d-diskussjonijiet għall-ftehim settorali saru fi sfond ta’ diversi problemi fis-servizz dentali tal-Gvern. Il-Ministru Fearne stqarr  li l-problema tal-waiting lists għadha hemm u qal li fejn jidħlu  dental fillings hemm waiting list ta’ 10 xhur li mhix aċċettabbli, fejn jidħlu l-braces hemm waiting list ta’ sitt xhur li wkoll mhix sitwazzjoni aċċettabbli filwaqt li fejn għandha x’taqsam  kirurġija fil-ħalq hemm waiting list  ta’ tliet  xhur.

Allura dan il-ftehim settorali, li ġie nnegozjat matul il-ġimgħat li għaddew, se jdaħħal miżuri biex jindirizza dan id-dewmien kollu. Il-Ministru Fearne qal li  waħda mir-raġunijiet ta’ dawn il-waiting lists kollha hi li f’dawn l-aħħar ftit snin il-Gvern bata biex irrekluta d-dentisti. Għal numru ta’ snin, in-numru ta’ gradwati fid-Dentistrija kien wieħed limitat u issa ġie indirizzat  permezz tal-ftehim settorali. B’arranġament mal-Universita’ ta’ Malta, minflok ikun hemm sitt gradwati ġodda kull sena, se jkun  hemm 15-il gradwat kull sena. Barra  minn hekk, permezz ta’ dan il-ftehim settorali, is-salarji se jitjiebu u dan jawgura tajjeb għad-dentisti fis-settur pubbliku.

Il-Ministru Fearne żied li permezz tal-ftehim settorali se jiżdiedu l-oqsma ta’ speċjalizzazzjoni fis-servizz pubbliku u allura se jkun hemm lok għal aktar dentisti żgħażagħ li jkunu jridu jispeċjalizzaw fis-settur pubbliku.

Hu kompla li b’dan il-ftehim settorali se jibda jiġi introdott is-servizz ta’ emerġenza fil-Ħdud  u l-festi. Il-Ministru Fearne temm li s-servizz dentali mhux se jibqa’ biss ikkonċentrat fl-Isptar Mater Dei imma wkoll se jinfirex fiċ-ċentri tas-saħħa. Inizjattiva oħra  li se tibqa’ fis-seħħ hi s-servizz minn diversi dentisti fil-komunita’. Il-Gvern se jkun qed jagħmel outsourcing ta’ każijiet lil dawn id-dentisti, bil-ħlas tas-servizz isir mill-Gvern u l-pazjent jieħu s-servizz fil-komunita’ b’xejn.

Il-mira tal-Gvern hi li jsiru 8,000 check-up dentali, 5,000 filling u 500 denture fi kliniċi privati, bis-servizz jitħallas proprju mill-Gvern.