fbpx

Iffirmat ftehim settorali ta’ klassi ġdida ta’ ħaddiema

Il-UĦM Voice of the Workers u l-Ministeru tas-Saħħa ffirmaw ftehim settorali għal klassi ġdida ta’ ħaddiema, dik tal-Medical Physicists.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Ministeru tas-Saħħa nhar it-Tnejn 8 ta’ April 2019, Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-ftehim settorali. Hu qal li l-Medical Physicist hija professjoni kumplimentari ħafna għall-professjonijiet l-oħrajn li jeżistu fil-qasam tas-Saħħa.

Josef Vella qal li l-importanza ta’ din il-professjoni toħroġ minn direttiva tal-Unjoni Ewropea.  Hu żied li permezz ta’ dan il-ftehim, il-professjoni tal-Medical Physicist ikollha l-istruttura u l-karriera tagħha.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li hu d-dmir tal-union biex tara li l-professjonist ikollu l-mixja tiegħu ta’ kif jista’ ikabbar l-għarfien tiegħu fis-suġġett; ikollu wkoll is-sodisfazzjon li javvanza tul il-karriera tiegħu.

Josef Vella stqarr  li dan mhux l-ewwel ftehim kollettiv għax fis-saħħa saru ftehim kollettivi u se jkomplu jsiru aktar, li jolqtu nies tekniċi, ħaddiema fil-caring  stream u oħrajn li jaħdmu fis-saħħa industrijali.

Hu rringrazzja lill-Ministru tas-Saħħa għall-interventi tiegħu sabiex jara li l-proċessi jingħalqu b’mod pożittiv kif ukoll lis-Segretarju Permanenti u t-tim kollu tiegħu.  Fl-aħħar u  mhux l-inqas irringrazzja lil Gian Paul Gauci, Assistent Direttur u uffiċjal inkarigat mit-Taqsima tas-Saħħa, kif ukoll lil Mario Sacco, Employment Relations Senior Manager, uffiċjal inkarigat min-Negozjar Kollettiv. Ringrazzjament ieħor ingħata lir-rappreżentanti tal-ħaddiema li kienu strumentali ħafna biex tali ftehim ikun  jista’ jiġi konkluż.

Chris Fearne, il-Ministru għas-Saħħa fisser li l-Medical Physicists huma professjonisti li jaħdmu kulfejn għandha x’taqsam ir-radjazzjoni medika biex jingħata servizz ta’ CT Scan. Dawn il-ħaddiema jkunu involuti fil-mediċina nukleari u l-maġġoranza tagħhom jagħtu s-servizz tar-radjuterapija, jiġifieri jagħtu r-raġġi lill-pazjenti morda bil-kanċer.

Il-Ministru Fearne semma kif matul dawn l-aħħar snin iddaħħlu numru ta’ linear accelerators ġodda fl-Isptar tal-Onkoloġija. F’dawn l-aħħar ħames snin, numru ta’ ħaddiema ngħata taħriġ barra minn Malta permezz ta’ fondi Ewropej. Dan sabiex ikollhom l-ispeċjalizzazzjoni fil-Medical Physics. B’kollox hemm 18-il ħaddiem li jaħdmu f’dan id-Dipartiment.

Dwar il-ftehim settorali li ġie ffirmat ma’ UĦM Voice of the Workers, il-Ministru Fearne qal li dan il-ftehim se jkun qed jagħti struttura fil-progression tal-ħaddiema u se jkun qed jwitti t-triq għal avvanz fil-karriera ta’ dawn il-professjonisti.

Preżenti għall-okkażjoni kien hemm Jean Bickle, Employment Relations Representative fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers. Kien hemm ukoll Joe Rapa, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa u Ray Attard Previ, Direttur tal-Allied Health Care Professions.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment