fbpx

Iffirmat ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-Wasteserv

It-Taqsima Manifattura u Servizzi tal-UĦM Voice of the Workers iffirmat il-ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-Wasteserv Ltd. Dan wara li l-union kellha diversi laqgħat mal-ħaddiema fil-gradi kollha li approvaw unanimament dan il-ftehim kollettiv.

Wasteserv Limited, direttament u indirettament, timpjega aktar minn 700 ħaddiem li jinkludu ħaddiema professjonisti, oħrajn fl-amministrazzjoni, tekniċi u ħaddiema b’irwoli oħrajn.

Dan il-ftehim se jkun qed itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema, fosthom, b’żidiet fis-salarji kif ukoll sistema ġdida ta’ flessibbilta’ għall-ħaddiema.

It-Taqsima Manifattura u Servizzi tal-UĦM Voice of the Workers tinsab sodisfatta li, permezz ta’ dan il-ftehim, il-ħaddiema li llum jaħdmu mal-kuntrattur u li qed jagħtu l-istess servizz bħall-ħaddiema tal-Wasteserv, ukoll se jibbenefikaw minn kundizzjonijiet aħjar. Dan biex ma jkun hemm ebda distinzjoni u diskriminazzjoni fost il-ħaddiema, sitwazzjoni li sfortunatament għadha tezisti f’postijiet tax-xogħol oħrajn.

Il-perijodu ta’ dan il-ftehim kollettiv ikopri mis-sena 2018 sal-2022. Is-salarji ta’ dawn il-ħaddiema se jiżdiedu għal kull sena ta’ dan il-ftehim.

Il-UĦM Voice of the Workers tfaħħar il-kollaborazzjoni li sabet mill-management tal-kumpanija Wasteserv u rringrazzjat lil Mario Cutajar, is-Segretarju Permanenti Ewlieni talli intervjena sabiex ikun assigurat li jintlaħaq ftehim.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment