Iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika


  November 9, 2017 5:23 pm

Wara xhur ta’ negozjati, it-Taqsima tal-Entitajiet Pubbliċi fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers u l-management tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO), iffirmaw ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema kollha f’dan l-uffiċċju għall-perijodu 2017-2024.

Dan il-ftehim kollettiv ikompli jibni fuq dawk ta’ qablu u, fost oħrajn, qed itejjeb diversi kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema. Il-ftehim jinkludi kundizzjonijiet relatati ma’ family-friendly measures kif ukoll iżjed flessibbilta’ fil-ħinijiet tax-xogħol.

Qed jitjiebu wkoll kundizzjonijiet oħrajn tal-ħaddiema tal-NAO bl-iskop ewlieni jkun li l-Uffiċċju jibqa’ jattira nies professjonali u li jkollhom il-ħiliet neċessarji sabiex ikompli jsostni t-titjib kontinwu fix-xogħol ta’ verifika li jlaħħaq mad-domanda dejjem tikber għall-investigazzjonijiet mill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi.

Qed issir ukoll iżjed enfasi mill-management fuq it-taħriġ u l-iżvilupp professjonali tal-ħaddiema kollha tal-NAO li tant hu importanti biex dan l-uffiċċju kostituzzjonali jkun fl-aħjar pożizzjoni biex iwettaq il-mandat  tiegħu.

Dan  il-ftehim kollettiv ġdid hu b’effett mill-1 ta’ Jannar 2017 u jkopri lill-ħaddiema tal-NAO għat-tmien snin li ġejjin.

Il-firmatarji ta’ dan il-ftehim kollettiv kienu Charles Deguara, l-Awditur Ġenerali u Noel Camilleri, id-Deputat Awditur Ġenerali għan-nom  tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, filwaqt li Mario Sacco,  Employment Relations Senior Manager u Antoinette Aquilina, Employment Relations Manager, iffirmaw għan-nom ta’ UĦM Voice of the Workers.

Preżenti għall-okkażjoni kien hemm Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, kif ukoll il-kumitat tal-ħaddiema li ħadu sehem fin-negozjati u membri mill-management tal-NAO.