Id-Dentisti tal-Gvern m’humiex stmati


  August 24, 2018 11:09 am

Sfortunatament, is-sitwazzjoni fid-Dipartiment tad-Dentistrija fl-Isptar Mater Dei, ilha sejra għall-agħar għal dawn l-aħħar snin.

Amministrazzjoni wara l-oħra dejjem naqset milli tinvesti u tara kif dan id-Dipartiment jissaħħaħ billi jibda joffri servizz aħjar u aktar vast. Minnflok, id-Dipartiment tas-Saħħa qed iħalli dan id-dipartiment mingħajr l-appoġġ neċessarju, tant u hekk, li matul dawn l-aħħar snin in-numru ta’ Dentisti f’dan id-Dipartiment naqas drastikament.

Dan għaliex jeżisti nuqqas ta’ kundizzjonijiet komparabbli mas-suq, kif ukoll it-tkaxkir tas-saqajn biex joħorġu sejħiet għal dentisti ġodda u jsiru numru ta’ promozzjonijiet.

F’dawn  l-aħħar tmien snin, il-UĦM Voice of the Workers bagħtet diversi proposti lill-Gvern sabiex jiġu diskussi u fl-aħħar mill-aħħar jiġi offrut pakkett adekwat għad-Dentisti. Barra minn hekk, il-union issuġġeriet tibdil f’ċertu strutturi li jistgħu jkopru servizzi aħjar lill-pubbliku.

Fil-bidu ta’ Lulju ta’ din is-sena, il-Ministeru tas-Saħħa sejjaħ laqgħa fejn il-UĦM Voice of the Workers spjegat il-viżjoni tagħha  u talbet li ssir serje ta’ laqgħat sabiex jiġi konkluż ftehim. Dakinhar, l-amministrazzjoni kienet talbet sitt ġimgħat sabiex ikunu jistgħu jiġu kontro proposti mlaħħmin ħalli n-negozjati uffiċjali jibdew minnufih.

Għalkemm il-Union stenniet dawn għal dawn il-ġimgħat kollha, il-laqgħa sfortunatament ġiet posposta fl-aħħar mument min-naħa tal-Ministeru b’estensjoni ta’ ġimagħatejn oħra. Wara li l-UĦM Voice of the Workers reġgħet stenniet ġimagħtejn oħra, fil-laqgħa li saret lejliet Santa Marija, baqgħet f’xiber imnieħer għaliex l-Ministeru naqas li jipproduċi l-kontro-proposti tant mistennija.

Għaldaqstant, il-UĦM Voice of the Workers ma kellhiex triq oħra ħlief li tibda bl-azzjonijiet industrijali fid-Dipartiment. Id-Dentisti qed jaraw biss każijiet ta’ emerġenza – bħal nefħiet, dmija u trauma fis-snien jew fil-ħanek – u l-azzjonijiet se jibqgħu fis-seħħ sakemm din  il-union tirċievi kontro-proposti adekwati bl-iskop li d-Dipartiment imur għall-aħjar.

Il-UĦM Voice of the Workers qed tittama li dan it-tkaxkir tas-saqajn mhux xi tattika mill-Gvern sabiex is-servizz jinbiegħ lill-Privat.