Iċ-Chairperson tal-Awtorita’ tax-Xandir tirriżenja


  March 28, 2017 4:51 pm

L-isforzi li saru mill-UĦM Voice  of the Workers biex tiġġieled għad-drittijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema fl-Awtorita’ tax-Xandir, taw il-frott tagħhom għax ftit tal-ħin ilu tħabbar li Tanya Borg Cardona, iċ-Chairperson tal-Awtorita’ tax-Xandir, issottomettiet ir-riżenja tagħha.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ikkomunika li ċ-Chairperson ippreżentat ir-riżenja tagħha lill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.

Filwaqt li ċaħdet li l-pożizzjoni kienet f’kunflitt ta’ interess u sostniet li dejjem imxiet b’imparzjalità li din l-Awtorità teħtieġ, Tanya Borg Cardona xorta waħda ħasset li fl-aħjar interess tal-Awtorità tax-Xandir għandha tirriżenja mill-kariga ta’ Chairperson.

Aktar kmieni llum,  il-ħaddiema tal-Awtorita’ tax-Xandir, ħarġu ‘l barra fuq azzjoni industrijali sabiex jitolbu għar-riżenja taċ-Chairperson.

Il-ħaddiema kienu akkużaw lil Tanya Borg Cardona b’intimidazzjoni u bullying filwaqt li rrifjutaw jaħdmu magħha.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet li saret  quddiem l-Awtorita’ tax-Xandir illum, Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, stqarr li l-Prim Ministru kellu jassumi responsabbilta’ tal-kriżi li  żvolġiet f’dan il-post  tax-xogħol.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, qal li kien il-Prim Ministru li għażel lil Tanya Borg Cardona biex isservi bħala Chairperson u, skont il-Kostitizzjoni, għandu l-jedd li jneħħiha minn din il-pożizzjoni u jissalvagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema.

Intant il-Prim Ministru se jibda l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-ħatra ta’ Chairperson ġdid tal-Awtorità tax-Xandir fil-jiem li ġejjin.

 

AKTAR KMIENI

 

F’konferenza tal-aħbarijiet oħra li saret quddiem l-Awtorita’ tax-Xandir illum  wara nofsinhar, Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers appella lill-Gvern  biex jisma’  u  jaġixxi u ma  jibqax jikkalpesta lill-ħaddiema.

Fil-preżenza ta’ uffiċjali tal-union u ħaddiema tal-Awtorita’, Josef Vella stqarr li għandna Gvern li  jisma’ imma mhux qed jaġixxi fil-kwistjoni  li għadha  għaddejja  fl-Awtorita’ tax-Xandir.

Il-Kap Eżekuttiv ta’  UĦM Voice of the Workers appella lill-Partit Laburista  u lill-Partit Nazzjonalista, li għalihom  qed jidhru persuni nominati  minnhom stess fuq il-Bord tal-Awtorita’, sabiex jieħdu pożizzjoni favur  il-ħaddiema u ma jagħtu  ebda  appoġġ lil min sistematikament qed jagħmilha ta’ bully mal-istess ħaddiema.

Josef Vella fakkar lill-Prim Ministru li  Artiklu 118, Paragrafu 6 tal-Kostituzzjoni, itih dak kollu li  hu  neċessarju sabiex jindirizza s-sitwazzjoni fl-Awtorita’ tax-Xandir. “Ejja  ma  ninħbewx wara l-Kostituzzjoni ta’ Malta biex ngħidu li poġġejna lil xi ħadd f’awtorita’ u ma  nistgħux  inneħħuha…..din  mhix xi ħaġa aċċettabbli  u m’għandniex  nilgħabu bid-diskors”. “Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tagħti l-għodda kollha neċessarja lill-Prim Ministru sabiex jieħu d-deċizjoni u jindirizza l-qagħda fl-Awtorita’ tax-Xandir.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, għal darb’oħra, wera solidarjeta’ mal-ħaddiema għax filwaqt  li ċ-Chairperson taqla’ €26,000 fis-sena, il-ħaddiema jinżlu għax-xogħol kuljum, m’għandhomx salarju daqsha, u għax qed jobdu azzjoni industrijal, il-Gvern qiegħed kull darba jaqtagħlhom siegħa mis-salarju tagħhom.

Josef Vella stqarr li  din hi attitudni ta’ Gvern li mhux talli qed jisma’ imma talli qed juża  l-forza  sabiex jikkastiga lil min qed isemma leħnu. Hu qal li dan kollu qed iwassal biex is-sitwazzjoni teskala u UĦM Voice  of the Workers  ma teskludi xejn u se tagħmel dak kollu possibbli, f’livell industrijali u dak legali, biex din l-attitudni abbużiva mill-Gvern tieqaf.

B’reazzjoni  għal mistoqsijiet mill-media, Josef Vella żied  li m’hawn ebda forma ta’ trasparenza fil-kwistjoni  kollha u dejjem qed niskopru xi biċċa storja oħra. L-istess persuni li qed jaqtgħu s-siegħa paga lill-ħaddiema huma l-istess  persuni li qed jgħawwġu r-regoli biex jagħtu €500 iżjed fix-xahar liċ-Chairperson għall-fjuwil tal-vettura tagħha.

Il-UĦM Voice  of the Workers se tkompli bil-laqgħat tagħha u se tkun qed tara l-iżviluppi li jkunu  għaddejjin. Il-union ma teskludix li teskala din is-sitwazzjoni anki mal-President ta’ Malta li qed tkun indirizzata indirett  kuldarba li l-Prim Ministru jirreferi għall-Kostituzzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar,  il-President  hi l-persuna li hi l-protettriċi tal-Kostituzzjoni.

Josef Vella żied li  l-Gvern  mhux talli għadu ma semax lill-ħaddiema, imma talli ra  kif għamel biex jikkastigahom. “Din  hi tattika biex il-Gvern jipprova jagħlaq ħalq il-ħaddiem; dan hu Gvern li  jisma’  u jikkastiga flok jaġixxi u jsolvi l-problemi”, temm jgħid il-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice  of the Workers.