Ħtieġa li l-ħaddiema kollha jkunu involuti fil-proċess tad-djalogu soċjali


  July 17, 2018 1:08 pm

“Il-ħaddiema kollha għandhom ikunu involuti fil-proċess  tad-djalogu soċjali”. Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, f’konferenza ta’ ġurnata organizzata mill-istess union u mill-Federazzjoni tal-Assoċjazzjonijiet tal-Ħaddiema  Industrijali (OBES) tal-Greċja. L-avveniment sar fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana nhar it-Tnejn 16 ta’ Lulju 2018.

Josef Vella tkellem dwar il-Politika Attiva tas-Suq tax-Xogħol u fisser li fl-2012 kien instab li ħafna persuni bla ħiliet kienu qed jidħlu fis-suq tax-xogħol. Hu qal li f’dak il-perijodu l-UĦM ikkunsidrat dawk iż-żgħażagħ li spiċċaw mill-iskola qabel is-16-il sena u ħaddmet programmi sabiex tindirizza u tgħin lil dawn  iż-żgħażagħ jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li politika effettiva dwar is-suq tax-xogħol tenfasizza -parteċipazzjoni attiva mill-partijiet interessati rilevanti. Bl-iffirmar ta’ Jobs+, ingħata bidu għal sinerġija bejn il-unions, min iħaddem u l-Gvern.

Josef Vella stqarr li waħda mill-proposti li ħarġet minn  Jobs+ kienet il-provvediment mingħajr ħlas tal-ħarsien tat-tfal. Dan kellu l-effett tiegħu, tant  hu hekk, li l-attivita’ fil-qasam tax-xogħol kibret ħafna.

Hu tkellem ukoll dwar it-tisħiħ tal-paga minima u qal li l-UĦM, fl-2017, iffirmat ftehim mal-imsieħba soċjali l-oħrajn, sabiex il-paga minima tiżdied. Permezz ta’ dan il-ftehim, fisser Josef Vella, ġiet stipulata reviżjoni tal-mekkaniżmu kull ħames snin.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers żied li waħda mill-isfidi fis-suq tax-xogħol hi l-importazzjoni ta’ aktar minn 40,000 ħaddiema, u li allura jiżdiedu mal-popolazzjoni ta’ min  kapaċi jaħdem. Minn dan in-numru, 30,000 ġejjin minn pajjiżi Ewropej u l-kumplament huma minn pajjiżi ‘l barra mill-UE. Dan il-fenomenu hu kunsidrat bħala theddida għall-ħaddiema Maltin.

Josef Vella irrefera għall-proposta li l-ħaddiema kollha għandhom ikunu involuti fil-proċess  tad-djalogu soċjali. Sabiex ix-xogħol prekarju jkun miġġieled, il-UĦM kienet ipproponiet li l-ħaddiema wkoll ipoġġu bilqiegħdu madwar il-mejda tan-negozjati. S’issa din il-proposta għadha ma ssarrfitx.

“Jekk id-djalogu soċjali jrid jirnexxi, irridu nisħqu ma’ kulħadd biex proprju jingħaqad fil-proċess tad-djalogu soċjali”, sostna Josef Vella.

Hu rrefera wkoll għal proposta oħra li kull ħaddiem ikollu kuntratt miktub u reġistrat ma’ Jobs Plus.  Il-UĦM Voice of the Workers issuġġeriet il-ħolqien ta’ website fejn il-ħaddiem jagħżel il-kuntratt  tax-xogħol tiegħu. Fuq din il-proposta, il-union sabet inqas reżistenza imma għadha ma ratx id-dawl tax-xemx.

Josef Vella  saħaq li l-ħtieġa li l-ħaddiema jkunu protetti fis-suq tax-xogħol hi ħafna aktar  importanti fid-dawl tal-influss ta’ ħaddiema  barranin. Hu żied li  jekk il-kuntratti tax-xogħol f’Malta jkunu reġistrati, allura nkunu nistgħu ngħidu li ħaddiem Pakistani jkun jitqies bħala ugwali mal-ħaddiem Malti.

Il-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM  Voice of the Workers stqarr li l-akbar reżistenza kontra l-unions ġejja mis-setturi tal-iGaming kif ukoll minn dak turistiku.

Fl-introduzzjoni tal-konferenza tkellem Jesmond Bonello, id-Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers. Hu qal li d-djalogu soċjali hu ta’ ta’ importanza fundamentali għad-demokrazija u l-governanza tajba. Il-UĦM Voice of the Workers tinkoraġġixxi d-djalogu soċjali u hi minn ta’ quddiem f’Malta biex tkun il-vuċi tal-ħaddiema.

Hu stqarr li għal UĦM Voice of the Workers, id-djalogu soċjali hu wieħed mill-erba’ pilastri tal-Aġenda dwar ix-Xogħol Diċenti hekk kif għandu rwol importanti fir-rabta bejn ix-xogħol mal-kummerċ u l-policies ekonomiċi.

Id-Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers żied li waħda mill-isfidi li l-union qed tiffaċċja llum hi l-involviment tar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Illum, il-ħaddiema qed jingħaqdu mal-union imma ma jridux jinvolvu ruħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Hemm  kważi l-attitudni, fost uħud, li jħallu l-affarijiet jieħdu t-triq tagħhom u fejn iridu parteċipazzjoni limitata, imma mbagħad jaraw kif jakkwistaw minn x’kiseb ħaddieħor.

Jesmond Bonello kompla li d-djalogu soċjali għandu jiġi  nkoraġġit bejn il-Gvern, l-istituzzjonijiet u l-partijiet interessati konċernati b’involviment qawwi tal-ħaddiema.

John  Bencini,  iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), tkellem dwar  ir-rwol tal-MCESD fit-tisħiħ tal-involviment tal-ħaddiema fil-konsultazzjoni u l-informazzjoni.

Hu qal,  fost oħrajn, li l-viżjoni tal-MCESD hi waħda ta’ tisħiħ kontinwu fid-djalogu soċjali. Il-Kunsill jistinka ħafna sabiex ikun xprun mill-aktar effettiv bejn l-imsieħba soċjali u l-Gvern. L-għan prinċipali hu li, wara konsultazzjonijiet li jsiru fi  ħdan il-Kunsill, rakkomandazzjonijiet konkreti dwar oqsma soċjo-ekonomiċi, jiġu kkunsidrati mill-Gvern qabel ma jittieħdu xi riformi jew miżuri ta’ rilevanza.

Vanni Xuereb, il-Kap tal-MEUSAC, qal li l-missjoni prinċipali tal-Kumitat hu li jressaq liċ-ċittadini Maltin aktar  qrib mal-Unjoni Ewropea.

Hu stqarr li  l-MEUSAC imexxi l-proċess strutturat ta’ konsultazzjoni primarjament permezz tal-Core Group tiegħu, tal-kumitati settorjali u permezz ta’ konsultazzjonijiet miftuħin.

Il-Kap tal-MEUSAC żied, fost oħrajn, li l-iskop tal-konsultazzjonijiet  maċ-ċittadini hu biex jinvolvi numru sinifikattiv ta’ ċittadini Ewropej, permezz ta’ djalogi maċ-ċittadini, dibattiti jew konsultazzjonijiet diġitali jew permezz ta’ korpi rappreżentattivi, sabiex ikunu identifikati t-tħassib, ix-xewqat u l-aspettazzjonijiet tal-Ewropej.

Panagiotis Kenterlis, il-Kollaboratur Xjentifiku ta’ OBES, irrefera għal-leġislazzjoni dwar l-informazzjoni  u l-konsultazzjoni fil-Greċja. Hu fisser, fost oħrajn, li f’Novembru 2017 r-rata tal-qgħad fil-Greċja kienet laħqet il-perċentwal ta’ 20.9 fil-mija. Hu qal li fl-2017 kien  hemm tnaqqis fil-produttivita.

Waqt eżerċizzju għall-parteċipanti ta’ din il-konferenza, immexxi minn Panagiotis Kenterlis, tqajmu numru ta’ punti pożittivi u negattivi dwar l-importanza tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni. Wieħed mill-punti pożittivi kien li d-djalogu bejn il-partijiet interessati għandu jkun miftuħ u jaspira fiduċja. Min-naħa l-oħra, wieħed mill-punti negattivi li kien fin-negozjati m’għandux ikun hemm aġenda moħbija.

Fil-konferenza tqajmu numru ta’ case studies dwar kif isir it-tisħiħ tal-involviment ta’ rappreżentanti mill-ħaddiema  fil-konsultazzjoni u l-informazzjoni.

Graham Sansone, l-Executive Head tal-Union għall-Edukaturi Professjonali (UPE), ta raġunijiet għat-twaqqif ta’ union ġdida. Hu qal li f’Jannar tal-2018, diversi eks membri tal-kunsill tal-Union tal-Għalliema (MUT) iddeċidew li  joħolqu union ġdida wara talba b’saħħitha mill-membri.

Hu fisser  li grazzi għal service level agreement mal-UĦM, il-UPE issa għandu post minn fejn tista’ taħdem, l-użu ta’ call  centre, konsulenza legali u għajnuniet oħra sabiex tiffunzjona bl-aktar mod effettiv.

L-Executive Head tal-UPE qal li d-djalogu soċjali hu bbażat fuq il-konsultazzjoni tal-ħaddiema. In-nuqqas ta’ dan l-apsett kruċjali matul in-negozjati tal-MUT għal ftehim kollettiv  ġdid, sostna Sansone, wassal lill-ħaddiema biex isibu soluzzjonijiet alternattivi.

Graham  Sansone qal li l-UPE hi struttura li taħdem minn isfel għal ‘il fuq, fejn il-ħaddiema ngħaqdu flimkien sabiex jiżviluppaw xi ħaġa ġdida bbażata fuq l-involviment u l-parteċipazzjoni attiva tagħhom.