Ħidma biex in-negozjati dwar il-ftehim kollettiv tal-ispiżjara jintemmu malajr


  November 28, 2018 9:29 am

Il-UĦM Voice of the Workers tisħaq fi stqarrija li n-negozjati dwar il-ftehim kollettiv tal-Ispiżjara qed jieħdu wisq fit-tul. Dan wara li n-naħa tal-Gvern naqqset, għal aktar minn darba, biex tressaq il-kontro-proposti għal  dak li pproponiet il-union. Kien dan il-fatt li wassal lil UĦM Voice of the Workers biex mill-ġdid tordna numru ta’ direttivi b’effett minn nhar il-Ħamis 22 ta’ Novembru 2018.

Madankollu, fl-isfond tad-diskussjonijiet li damu sena u nofs, ġie apprezzat l-intervent tad-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne sabiex ikun  hemm żblokk fin-negozjati tal-ispiżjara bl-iskop li dawn ikunu  konklużi malajr kemm jista’ jkun.

Sadattant il-UĦM Voice of the Workers qed tħares ‘il quddiem b’mod pożittiv speċjalment  għal-laqgħa li hi prenotata għall-Ħamis 29 ta’ Novembru 2018, laqgħa li se tkun immexxija mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne. B’ġest ta’ rieda tajba, din  il-union se tkun qed tissospendi l-azzjonijiet  għal waqt il-laqgħa.