Gidba sfaċċata mill-ġurnal tal-GWU


  August 29, 2017 1:05 pm

“Il-UĦM Voice of the Workers, fl-ebda ħin u bl-ebda mod, mhi kontra l-festi pubbliċi. Dak li qalet l-orizzont mhu xejn għajr gidba sfaċċata”.

Dan sostnih Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, b’reazzjoni għal rapport li deher  fil-faċċata ta’  l-orizzont tat-Tlieta 29 ta’  Awwissu 2017.

Josef Vella qal li l-artiklu ġie pubblikat biex tingħata palata lill-GWU bl-iskop li jintefa’ it-tajn fuq il-UĦM Voice of the Workers. Il-Kap Eżekuttiv ippretenda li min kiteb l-artiklu seta’ kellu d-diċenza li jieħu l-kummenti ta’ din il-union qabel ma jippubblika r-rapport tiegħu.

Dwar il-proposta nnifisha, Josef Vella spjega li l-UĦM qed tgħid li fuq il-mejda hemm il-proposta li jingħataw il-festi pubbliċi, proposta li din il-union bl-ebda mod mhi kontra tagħha. Il-UĦM, għal dawn l-aħħar snin, issottomettiet proposta alternattiva qabel mal-Gvern ikkommetta ruħu li jagħti lura l-festi pubbliċi.

Il-proposta tal-UĦM tgħid li jekk il-Gvern ma jagħtix lura l-festi pubbliċi, minħabba l-kwistjoni tal-produttivita’, il-ħaddiema almenu jingħataw mhux żidiet fil-vacation leave imma żidiet fil-paga.

Josef Vella fisser li min jaqla’ paga minima u l-leave tiegħu jiżdiedlu minn 24 ġurnata għal 27 ġurnata, se jibqa’ fl-istess sitwazzjoni. Ħaddiem bil-paga minima la se jagħmel kapriċċ b’24 ġurnata u lanqas b’27 ġurnata.

Il-UĦM qed tipproponi li l-ħaddiem iż-żgħir jingħata €200 fis-sena u b’dan l-ammont ikun jista’ jieħu l-leave mill-ġranet li għandu. Fl-istess ħin ikun jista’ jagħmel kapriċċ. Żieda ta’ aktar jiem bħala vacation leave mhux se tagħmel progress fil-ħajja tal-ħaddiem iż-żgħir. It-titjib fil-ħajja jrid ikun bażat fuq il-kwalita’ u mhux fuq il-kwantita’. Dak li jkun jista’ jkollu ħafna vaganzi imma m’għandux mezz biex igawdi mal-familja.

Il-UĦM Voice of the Workers qed tagħti alternattiva fuq il-mejda. Din il-union fl-ebda ħin u bl-ebda mod mhi se tiddikjara li hi kontra l-festi pubbliċi. Il-UĦM qed tisħaq li meta tkun qed tiddiskuti mal-unions l-oħrajn u l-korpi kostitwiti fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), kulħadd għandu jkollu d-dritt li joffri alternattivi ħalli l-ħaddiem ikun  jista’ jawdi mill-varjeta’ ta’ ideat li jiġu ppreżentati u mhux kulħadd jisma’ l-istess ħaġa.

“Il-UĦM Voice of the Workers iddeċidiet ma tkantax l-istess diska imma żżid biċċa oħra magħha – li jkun hemm alternattiva oħra fuq il-mejda”, żied Josef Vella filwaqt li kompla li “jekk għall-Gvern din il-proposta tal-UĦM hi għolja u ma jridx joħroġ il-flus għaliha, mela dik hi storja oħra”.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li ma jfissirx li għax ma jridx jagħmilha l-Gvern, allura jingħata tort lil din il-union u li hi kontra l-festi pubbliċi, għax il-UĦM mhix kontra li l-festi pubbliċi jingħataw lura.

Il-UĦM terġa’ tisħaq li hi għandha f’idejha alternattiva differenti – mod ieħor kif il-ħaddiema jistgħu jiġu megħjuna sabiex igawdu l-festi tagħhom.