Ftit wisq tard ħafna


  March 17, 2017 4:45 pm

F’laqgħa ta’ konċiljazzjoni li saret illum f’12 p.m. bejn il-management tal-Awtorita’ tax-Xandir u rappreżentanti minn UĦM Voice of the Workers, irriżulta li ma ntlaħaq ebda qbil fuq is-sitwazzjoni preżenti f’din l-Awtorita’. Għal din  il-laqgħa ċ-Chairperson  ma kinitx preżenti.

Matul  din il-laqgħa ta’ madwar siegħa, il-management tal-Awtorita’ offra li r-rwol taċ-Chairperson Tanya Borg Cardona jiġi llimitat għal wieħed Non-Executive filwaqt li jkun hemm skrutinju fuq id-deċiżjonijiet li jittieħdu  mill-Bord.

Dwar  il-kwistjoni tal-bidla tas-sit, minn Triq Mile End fil-Ħamrun għal  Triq Melita, il-Belt, il-management wiegħed li jgħaddi rapporti marbutin mas-Saħħa u s-Sigurta’ lil UĦM Voice  of the Workers, qabel ma jsir it-trasferiment fil-post  il-ġdid.  Inċidentalment dawn ir-rapporti għadhom ma ġewx ikkummissjonati.

Skont il-UĦM Voice of the Workers, dan hu ftit wisq u tard ħafna minħabba l-fatt li ċ-Chairperson illum diġa’ għandha rwol ta’ non-executive u m’hemm  l-ebda garanzija li l-bullying fl-Awtorita’ se jieqaf.

Sadattant, dwar is-sit il-ġdid, kellha ssir konsultazzjoni mal-union qabel ma ntlaħaq qbil  fuq il-kuntratt ma’  terzi persuni. Studji dwar is-saħħa u s-sigurta’   ukoll  kellhom isiru qabel  ma ttieħdet id-deċiżjoni li jkun hemm it-trasferiment tal-operat minn binja attrezzata li hi proprjeta’ tal-istess Awtorita’, għal binja tal-privat ferm  iżgħar minn dik preżenti.  Jingħad li l-files u dokumenti relatati se jinżammu fil-bini preżenti  tal-Awtorita’ sabiex iċ-Chairperson  tkun paxxuta f’sular iddedikat kważi kollu għaliha.

Intant il-UĦM se tissokta bl-azzjonijiet industrijali tagħha u tibqa’  taħdem u tistinka fl-interess tal-ħaddiema tal-Awtorita’ tax-Xandir.