Ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema  ta’ Aġenzija Sapport


  October 9, 2018 5:04 pm

Il-UĦM Voice of the Workers u Aġenzija Sapport iffirmaw ftehim  kollettiv ġdid għall-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tad-diżabbilta’ fi ħdan l-aġenzija.

Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, f’kelmtejn fl-okkażjoni, qal li hu jinsab kuntent li dan il-ftehim kollettiv ġie konkluż b’mod sodisfaċenti u li se  jkompli jagħti gwida lill-Aġenzija biex tkompli tagħti servizz utli ħafna lil persuni bi bżonnijiet speċjali.

Hu stqarr li dan il-qasam qed jingħata attenzjoni mill-union f’ħafna aspetti fejn tidħol il-politika nazzjonali.  Il-qasam tax-xogħol f’dan is-settur mhux eċċezzjoni. Hu qal li qed tissokta l-ħidma biex persuni b’diżabbilta’ jiġu megħjuna sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Josef Vella saħaq dwar il-bżonn li jkollna soċjeta’ inklussiva, mhux tal-isem biss, imma wkoll fil-prattika.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers  irringrazzja lil Aġenzija Sapport mhux biss tax-xogħol siewi li tagħmel imma wkoll għax tkun ta’ spalla f’każi delikati fejn hemm bżonn l-intervent ta’ nies professjonisti fil-qasam  tad-diżabbilta’.

Josef Vella rringrazzja lill-management u lill-kumitat tal-ħaddiema membri fil-UĦM Voice of the Workers tal-impenn u tad-dedikazzjoni f’dan il-qasam soċjali. “Nieħu gost nara tim magħqud, tim li jagħti r-riżultati”, temm il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.

Joe Cini, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, qal li dan kien ftehim kollettiv tajjeb ħafna u jittama li r-relazzjoni pożittiva li l-Aġenzija għandha mal-UĦM Voice of the Workers tissokta fil-futur. Hu rringrazzja lil Isabelle Farrugia, Employment Relations Manager tat-Taqsima Edukazzjoni u Kura fi ħdan il-UĦM, tal-kooperazzjoni u tax-xogħol li tagħmel b’risq il-ħaddiema tal-Aġenzija. Ringrazzjament ieħor mar għal Jesmond Bonello, Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers kif ukoll għall-kumitat tal-ħaddiema ta’ Aġenzija Sapport.