Ftehim kollettiv b’ruħ soċjali


  February 23, 2018 1:13 pm

Dan hu ftehim kollettiv b’ruħ soċjali għax, fost oħrajn, se jkun qed jagħti kas lil dawk il-ħaddiema li jistgħu jġarrbu minn ċirkustanzi koroh fil-familji tagħhom bħal mard serju.

Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers f’ċeremonja li matulha ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid  b’risq il-ħaddiema ta’ Transport Malta.

Dan  il-ftehim kollettiv, li b’kollox ġew iffirmati tliet dokumenti, se jkollu investiment ta’ kważi €6 miljun – ċifra li se tkun qed tissarraf f’pagi u ħlasijiet aħjar għall-ħaddiema. Il-ftehim kollettivi jkopru l-gradi ġenerali, il-gradi maniġerjali u ieħor għall-periti.

Josef Vella qal li l-iffirmar ta’ ftehim  kollettiv  huwa l-qofol ta’ negozjati li jkunu  saru madwar il-mejda.  Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers  jinsab kuntent li  minbarra l-kundizzjonijiet  tax-xogħol u t-titjib  fis-salarji tal-ħaddiema, hu ra l-aspett  tar-ruħ soċjali lejn il-ħaddiem li jkollu l-problemi ta’ mard serju fil-familja.

“Aħna hemm barra nħabbtu wiċċna ma’ ħaddiema f’kull stadju tal-ħajja – min hu b’saħħtu jkun irid titjib fil-paga imma meta l-ħaddiem u l-familja tiegħu jgħaddu minn ċertu diffikultajiet ikun xieraq li jkun hemm min iwieżnu”, sostna Josef Vella.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers irringrazzja lil Jesmond Bonello, Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers, li ħa ħsieb in-negozjati, lill-Kenneth Abela,  Employment Relations Manager tat-Taqsima Port u Trasport, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-ħaddiema li kienu preżenti għall-iffirmar tal-ftehim  kollettiv. Hu qal li l-Employment Relations Representatives jagħmlu dan  ix-xogħol b’mod volontarju u l-kontribut tagħhom mhux faċli peress li jkollhom diversi pressjonijiet, talbiet u anki  tgergir. “Napprezza ħafna l-kontribut tagħhom sabiex tkomplu taraw lill-kollegi tagħkom u lilkom stess ittejbu  l-qagħda tagħkom”, żied Josef Vella.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li hu se jkun qed iħares ‘il quddiem sabiex dan  il-ftehim kollettiv jissarraf għall-ġid tal-ħaddiema u l-familji tagħhom.

Ian Borg, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali, li kien preżenti għall-iffirmar, stqarr li l-ftehim huwa sinifikanti għax sar ħafna xogħol fejjiedi bejn iż-żewġ partijiet. Hu qal li l-ħaddiema ta’ Transport Malta se jibbenefikaw minn kundizzjonijiet aħjar kif ukoll għandhom l-opportunita’ li javvanzaw fil-karriera tagħhom. Min-naħa l-oħra, Transport Malta se tieħu xogħol aħjar, kontribut siewi u effiċjenti mill-ħaddiema. Il-Ministru Borg stqarr  li permezz ta’ dan il-ftehim, il-ħaddiema se jingħataw dak li jixirqilhom.

Il-firmatarji għan-nom ta’ UĦM Voice of the Workers kienu Jesmond Bonello, Direttur u Kenneth Abela, Employment Relations Manager – Taqsima Port  u Trasport. Iffirmaw ukoll Matthew Briffa, Kevin Zahra, Emmanuel Gatt, Carmel  Busuttil, Silvana  Mifsud Bonnici, Beatrice Fenech u Horace Genovese – ilkoll Employment Relations Representatives fi ħdan  il-union.

Min-naħa ta’ Transport Malta l-firmatarji kienu James Piscopo, Chairman u Jeannette Axisa, Chief Officer – Strategy and Corporate Services.