Elett mill-ġdid Viċi President fl-ETUC Youths


  June 14, 2018 12:52 pm

Graham Sansone, Executive Head tal-Union of Professional Educators (UPE) fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers, ġie elett mill-ġdid fis-Sezzjoni taż-Żgħażagħ tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC). Hu ngħata l-kariga ta’ Viċi President.

Minn korrispondenza li rat UĦM Voice of the Workers jidher illi l-ForUM għamel pressjoni min-naħa tiegħu sabiex Graham  Sansone jitneħħa minn fuq is-Sezzjoni taż-Żgħażagħ tal-ETUC. Fil-fatt, l-intenzjoni tal-elezzjonijiet barra minn lokhom kien tentattiv sabiex Graham Sansone jiġi eliminat. Jidher biċ-ċar, iżda, li t-tentattiv falla u din l-istrateġija ma niżlitx tajjeb mal-Ewropej tant li reġa’ ingħata l-kariga ta’ Viċi President.

Fl-ETUC Youths, Graham Sansone se jkun qed jirrappreżenta s-sezzjoni taż-żgħażagħ fil-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Maltin (CMTU).

“Din il-ħatra hi sinifikanti ħafna għalija għax se nkun qed nirrapreżenta r-reġjun tal-Mediterran fuq livell Ewropew”, ikkummenta Graham Sansone. Hu qal li l-ETUC Youths se jkun qed isemma leħnu f’diversi kwistjonijiet bħad-diġitizzazzjoni u t-Tekonoloġija tal-Informazzjoni, l-immigrazzjoni u l-involviment tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol.

“Fl-ETUC Youths se nkun qed ninvolvi ruħi mhux biss fuq aspetti u suġġetti li jolqtu l-Mediterran imma, bħala Viċi President, flimkien mal-President, se nkun qed insegwi wkoll l-andament li jkun għaddej fir-reġjuni l-oħrajn fosthom il-pajjiżi fit-Tramuntana tal-Ewropa, il-pajjiżi li l-ilsien tagħhom huwa l-Ingliż, il-pajjiżi li l-ilsien tagħhom huwa l-Franċiż u l-Ewropa Ċentrali”, żied jgħid Graham Sansone.

Hu kompla li “x-xogħol tiegħi se jinkludi wkoll il-kontribut f’think-tank tal-ETUC li jagħmel riċerka u jmexxi seminars differenti dwar ir-realtajiet fis-swieq tax-xogħol li l-Ewropa qed tħabbat wiċċha magħhom illum”.

Graham Sansone jaħdem bħala edukatur inklussiv fi skola sekondarja. L-għarfien tiegħu fit-trejdunjoniżmu u l-Livelli Internazzjonali dwar ix-Xogħol u l-Liġi tax-Xogħol ma jiqafx biss fuq livell akkademiku, għax ilu  jimmilita fit-trejdunjoniżmu għal numru ta’ snin. Fil-fatt, fi snin preċedenti, hu kien ta sehemu bħala delegat u membru fil-Kunsill tal-Union tal-Għalliema (MUT). Barra minn hekk, hu kien Chairman ta’ ForUM Youths.

Hu  wkoll Deputat Segretarju Ġenerali u Uffiċjal tal-Ħaddiema Żgħażagħ fi ħdan il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ).

Minbarra l-ħatra riċenti tiegħu fl-ETUC, Graham Sansone ukoll jirrappreżenta lil Malta fil-Mediterranean European Young Trade Union Network (MEYTUN) fejn hu jirrappreżenta lill-ħaddiema żgħażagħ madwar l-Ewropa.

Intant l-elezzjoni tal-Kumitat taż-Żgħażagħ fl-ETUC saret nhar it-Tlieta 12 ta’ Ġunju 2018, b’Viktoria Nagy, mill-Ungerija, bħala President. Il-membri l-oħrajn fil-Kumitat huma, Graham Sansone minn Malta kif ukoll Josef Holnburger mill-Ġermanja; Olivia Freiesleben Frier, mid-Danimarka; Sylvain Desoignies; minn Franza u Craig Dawson mir-Renju Unit.

UĦM Voice of the Workers tawgura lil Graham Sansone f’dan ir-rwol prestiġjuż li se jkun qed jaqdi b’responsabbilta’ fl-Ewropa.