Bżonn urġenti li nindirizzaw l-isfidi fis-settur edukattiv


  October 13, 2017 3:29 pm

“Irridu nindirizzaw l-isfidi fis-settur edukattiv u jekk ma nidħlux għalihom b’mod nazzjonali nkunu qed nagħmlu disservizz fil-futur”.

Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, f’laqgħa li kellu Robert Arrigo, kandidat  għall-elezzjoni ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Nazzjonalista, mal-UĦM Voice of the Workers fil-Head Office tal-Union, il-Furjana l-Ġimgħa 13 ta’ Ottubru 2017.

Fil-preżenża tal-uffiċjali, managers u assistant  managers tal-union, Josef Vella stqarr li dan il-pajjiż irid jiffoka iżjed fuq il-kwalita’ u mhux fuq il-kwantita’ tal-ħaddiema. “Irridu ħaddiema mħarrġa u mħejjija għas-suq tax-xogħol, sostna il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, u fakkar li “Malta  għandha l-ogħla rata ta’ early school leavers fl-Ewropa u għalhekk il-Gvern irid jindirizza din is-sitwazzjoni bis-serjeta’.”

Dwar il-budget, Josef Vella nnota b’dispjaċir li wara xhur ta’ taħditiet dwar il-proposti tal-imsieħba soċjali, il-Gvern għażel li ma jinkludi ebda proposta tal-imsieħba soċjali.

Hu ħeġġeġ lid-Deputat Nazzjonalista sabiex japprezza lil UĦM Voice of  the Workers ħalli jkun hemm djalogu soċjali li jindirizza l-problema fl-edukazzjoni u f’oqsma oħrajn. “Nemmnu fi djalogu soċjali kostruttiv fejn jirbħu l-aqwa ideat,”temm jgħid Josef Vella.

Min-naħa tiegħu, il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-PN, feraħ lil UĦM Voice of the Workers li tħarreġ numru ta’ żgħażagħ u adulti permezz ta’ korsijiet edukattivi sabiex fl-aħħar mill-aħħar huma jidħlu fis-suq tax-xogħol. Robert Arrigo żied li l-Partit Nazzjonalista jrid jiftaħ il-bibien lil dawk li ħarġu mill-iskola bla kwalifiki.

Robert Arrigo wiegħed li jekk jiġi elett Viċi Kap se jkun qed jara li, fost oħrajn, ikun hemm aktar djalogu mal-UĦM sabiex ikunu skambjati l-ideat bl-iskop li l-ħaddiema jiggwadanjaw minn xogħolijiet u salarji aħjar. Id-Deputat Nazzjonalista kompla li l-Partit Nazzjonalista lest li jgħin lill-Gvern sabiex Malta jkollha ħaddiema b’kundizzjonijiet u pagi aħjar.