Bżonn urġenti li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet prekarji fost il-ħaddiema tal-G4S


  February 2, 2018 2:34 pm

Il-UĦM Voice of the Workers qed tħeġġeġ lill-management tal-kumpanija G4S sabiex, fi spirtu ta’ rieda tajba, jiġu indirizzati numru ta’ kwistjonijiet prekarji li qed jolqtu, lill-ħaddiema, assenjati fl-Isptar Mater Dei, fil-laħam il-ħaj.

Din il-union irċeviet diversi lmenti mingħand ħaddiema li spiċċaw ħadmu aktar sigħat wara l-ħin. Minflok li ngħataw dak  li hu dovut lilhom, il-ħaddiema qed jirċievu l-ħlas tas-sahra tliet xhur wara. Għall-UĦM Voice of the Workers, din is-sitwazzjoni hi inaċċettabbli u l-ħaddiema li jaħdmu sigħat żejda għandhom jirċievu dak li huma intitolati għalih bla ebda dewmien.

Din il-union ukoll tinsab  infurmata u mħassba li l-ħaddiema qed jispiċċaw jieħdu leave sfurzat biex il-kumpanija tlaħħaq l-40 siegħa xogħol fil-ġimgħa. Jidher li l-kumpanija m’għandhiex biżżejjed sigħat ta’ xogħol x’toffri lill-ħaddiema. Konsegwentament, il-kumpanija qed tispiċċa tagħti leave sfurzat   lill-ħaddiema.

Fid-dawl ta’ dan, il-UĦM Voice of the Workers qed tavviċina lill-ħaddiema tal-G4S li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei sabiex hi tkun tista’ tirrikonoxxihom. It-Taqsima Manifattura u Kummerċ qed tgħin lil ħafna ħaddiema b’mod individwali, u l-union mistennija tiftaħ tilwima industrijali fil-jiem li ġejjin.

Ma jonqosx li l-istess Taqsima tgħin lil grupp ta’ ħaddiema li huma bil-kuntratt mal-G4S u li jesegwixxu xogħolijiet fuq barra ta’ l-Isptar, bħal, il-kontroll tal-parkeġġ u l-clamping. Jidher li dawn il-ħaddiema qed ibatu minn sfruttament bla bżonn u abbuż mill-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Għaldaqstant il-UĦM Voice of the Workers qed tappella lill-management tal-G4S ħalli jsiru taħditiet madwar il-mejda u jirbaħ is-sens komun sabiex dawn l-imsemmija kwistjonijiet jiġu diskussi mill-aktar fis filwaqt li jinstabu soluzzjonijiet dinjitużi għall-ġid tal-ħaddiema u l-familji tagħhom.