Bżonn li jinħoloq fond amministrattiv dwar il-protezzjoni tal-pagi


  April 27, 2018 3:29 pm

Fid-dawl tal-kwistjoni li rrenjat fost il-ħaddiema tal-JF li jaħdmu fil-Wasteserv, nappella lill-Gvern biex jagħti widen u jinħoloq fond amministrattiv dwar il-protezzjoni tal-pagi

Dan  qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers f’diskors waqt konferenza biex tfakkar Jum il-Ħaddiem fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana l-Ġimgħa 27 ta’ April 2018.

Josef Vella tkellem dwar il-prekarjat li għadu magħna, prekarjat li jara l-bidu tiegħu meta l-ħaddiema fis-suq tax-xogħol jingħataw kuntratti legali meta fil-verita’ jkunu ingaġġati minn employers oħrajn. “Illum qed niftaħru li nisħqu dwar salarju ugwali għal xogħol tal-istess valur…imma kif se naraw li l-ħaddiema jingħataw dak li ħaqqhom?”, staqsa il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.  Josef Vella stqarr li l-prekarjat jissolva meta kull ħaddiem ikollu kuntratt tax-xogħol bil-miktub li jirrifletti l-liġijiet tax-xogħol.

Hu qal li għandna problema tal-outsourcing. Għandna postijiet tax-xogħol li jagħmlu outsourcing bl-operat prinċipali tagħhom. Dan ifisser żewġ gruppi ta’ ħaddiema. Dawn huma strateġiji li jnaqqru s-saħħa tal-unions, tan-negozjar kollettiv u tal-ftehim. Hu wera tħassib li għad jiġi żmien meta l-ftehim jkunu parti mill-istorja.

Dwar is-settur tas-saħħa, il-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice of the Workers qal li illum għandna prova ċara dwar id-dubji fuq il-public private partnership tal-VGH. Il-UĦM Voice of the Workers kienet l-unika union li ma ffirmat xejn  mal-VGH. Bil-miġja ta’ Steward Health Care, għandna l-istess problema  u l-UĦM tqisha l-istess bħal VGH. Din il-union mhi se taċċetta qatt li l-ħaddiema tas-saħħa jkunu impjegati minn kumpanija. Il-UĦM Voice of the Workers lanqas mhi se tinnegozja l-kuntratti tal-ħaddiema tas-saħħa. “Ejja ma nilgħabux bil-ħobża ta’ kuljum tal-ħaddiema”, saħaq Josef Vella.

Hu żied li f’ekonomija li sejra tajjeb bqajna bil-problema tal-prekarjat u l-ħaddiema baqgħu ‘l isfel. Waqt li l-ħaddiema Ewropej, ras għal ras, qed  jaqilgħu aktar mill-Maltin, għandhom ukoll is-serħan tal-moħħ li, għadha pitgħada, se jgawdu minn pensjonijiet aktar adekwati minn tagħna. Illum f’Malta għandna pensjonanti li qed ikunu mhedda bl-adekwatezza tal-pensjonijiet tagħhom u ż-żgħażagħ tal-lum m’għandhomx il-pensjoni garantita. “Għandna bżonn li f’Malta nitkellmu dwar il-pensjoni taż-żgħażagħ”, sostna Josef Vella filwaqt li żied li r-responsabbilta’ politika tesiġi li dwar il-pensjonijiet għandna bżonn pjan fit-tul bi qbil mal-partiti politiċi. Wasal iż-żmien li ż-żgħażagħ ukoll juru l-vot tagħhom ma’ dak il-partit li jdaħħal il-pensjoni tat-tieni pilastru.

Josef Vella stqarr li l-ekonomija tagħna qed tkun ibbażata wisq fuq il-bejgħ tal-passaporti. Ekonomija li sejra tajjeb trid tagħti kas lil min qiegħed fl-aħħar skaluni tas-soċjeta’.

Ma naqasx li l-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice of the Workers jitkellem dwar il-kwistjoni  tal-iffriżar tal-embrijuni. Hu qal li dan mhux is-suġġett tagħna għax hu wieħed delikat ħafna. Hu suġġett ta’ bioetika, għax sitwazzjoni ta’ koppja mhix sitwazzjoni ta’ koppja oħra. “Ejja ma nilgħabux bl-emozzjojonijiet tan-nies. Dawn iridu għajnuna finanzjarja għall-ispejjeż kbar li qed jaffaċċjaw”. Hu fisser  li hawn 153 miljun tifel u tifla orfni madwar id-dinja. Il-UNICEF tgħid li jekk dawn il-persuni jgħixu f’pajjiż wieħed, dak il-pajjiż jiġi id-disa l-akbar pajjiż fid-dinja. “Allura għaliex għandna bżonn inżidu nies biex nadottaw,” qal Josef Vella…filwaqt li żied li mela m’għadux altruwist li naddottaw u biex tkun altruwist trid tadotta embrijun?. Fuq kollox, saħaq Josef Vella, il-ħajja tibda mill-konċepiment. Argumenti politiċi m’għandhomx post f’suġġett bħal dan.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers ukoll tkellem  dwar is-sex workers, u stqarr li l-prostituzzjoni qed  nagħtuha xeħta  ta’ rwol uffiċjali u b’nomenklatura. Għal darb’oħra qed inħawdu.  Hu rrefera għal preżentazzjoni li saret minn Dr. Anna Borg, id-Direttur taċ-Ċentru dwar l-Istudji tax-Xogħol waqt laqgħa tal-Bord Eżekuttiv tal-union fil-jiem li għaddew. Hu semma kif is-sex work fl-Ewropa qed jingħata bixra degradanti għall-aħħar fejn wieħed jagħżel minn  menù ta’ servizzi indeskrivibbli li ma  jixirqux lid-dinjita’ tal-bniedem. “Hekk irridu f’Malta?,” staqsa il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.

Dwar il-kwistjoni li nqalgħet mal-ħaddiema tal-kuntrattur fil-Wasteserv, Josef Vella qal li ħadd ma kien jaf x’se jaqbad jagħmel dwar dak li kien dovut lill-ħaddiema, kwistjoni li wasslet għal sitwazzjoni ta’ disprament.  Fid-dawl ta’ din  il-kwistjoni, Josef Vella appella lill-Gvern biex jinħoloq fond amministrattiv dwar il-protezzjoni tal-pagi. Dan biex is-sitwazzjoni mal-ħaddiema tal-JF fil-Wasterev ma terġax tirrepeti ruħha.

Josef Vella tkellem dwar it-tema tal-konferenza: Lealta’,  Valuri u Professjonalita’ u qal li dawn il-kliem jistgħu jagħtu gwida fil-ħidma trejdunjonjistika. Hu saħaq dwar il-bżonn li nagħtu dinjita’ lill-ħaddiem. “Qed nitkellmu fuq valuri li qabel ma tara ħaddiem qed tara persuna”, sostna Josef Vella. Inkunu solidali mal-oħrajn.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li union trid li jkollha l-valuri biex jiggwidawha u tkun professjonali. Hu qal li l-unions, illum, bilfors, iridu jiġġeddu.

Hu appella lid-delegati biex ma jkunux leali lejn il-partiti politiċi imma jkunu leali lejn il-kawża tal-ħaddiem. B’hekk ikun hemm solidarjeta’ lejn il-ħaddiema u jingħata servizz professjonali b’risq il-ħaddiem u l-familja tiegħu.

L-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna indirizza lid-delegati fil-bidu tal-konferenza. Hu qal li l-ewwel prinċipju  ta’ lealta’ hu li meta nagħmlu ftehim dan inżommuh. Il-lealta’ fit-trejdunjoniżmu tfisser ukoll li fin-negozjati nistgħu nirritornaw mal-mejda u nerġgħu nikkunsidraw il-ftehim li jkun sar. Il-lealta’ titlob ukoll li mmorru lil hinn mill-intransiġenza u li nkunu flessibbli. Lealta’ tfisser li jkun hemm djalogu u negozjati. Il-lealta’ tfisser ukoll rispett u d-dinjita’ tal-persuna. L-Arċisqof sostna li lealta’  tfisser li jekk se nikkritikaw nibbażaw il-fatti fuq il-verita’. L-akbar għadu tal-lealta’ huma l-kalunji. Lealta’ titlob ir-rispett lejn id-diversita’ fl-opinjonijiet. Dwar il-valuri, l-Arċisqof qal li jekk il-valur ikun ekonomiku inkunu qed nirriduċu lilna nfusna għal livell baxx ħafna. Il-valuri ekonomiċi huma essenzjali; huma kriterju tajjeb biex ikejjel il-progress ta’ intrapriża. Hemm ħafna tipi ta’ valuri imma allaħares nirriduċu n-negozjati fuq il-livell ekonomiku biss għax inkunu qed nirriduċuh fuq lat drastiku.

Hemm ukoll il-valuri umani jew virtuwijiet. F’kull negozjat irid ikun hemm ir-rażan. Hemm ukoll il-valuri tal-qawwa u tal-prudenza. Valur uman ieħor hu l-ġustizzja li tħares mhux biss lejn il-qawwa interna imma tpoġġina f’relazzjoni ma’ ħaddieħor. Ilkoll kemm aħna rridu nagħtu kont  lil xi ħadd.  Il-kontabbilta’ hi parti mill-ġustizzja. L-Arċisqof saħaq li għandna nkunu ekwi f’dak kollu li nagħmlu. Hu enfasizza li għall-istess xogħol irid ikun hemm l-istess ħlas. Ġustizzja titlob li kulħadd mhux biss jieħu dak li ħaqqu imma li tilbes iż-żarbun li jiġik. Tfisser  ukoll li aħna niġġieldu kull mentalita’ li fil-ħajja timxi mhux kemm taf imma lil min taf. Din hi mentalita’ li rridu niġġildulha f’kull żmien. Min għamel ħażen irid jagħmel kont ta’ dak li għamel. Kulħadd jieħu dak li ħaqqu. L-Arċisqof Scicluna saħaq li  l-meritokrazija tmur id f’id mal-ġustizzja.

Tkellem ukoll dwar il-bżonn urġenti tal-ġustizzja soċjali u rrimarka dwar il-prezzijiet tal-kirjiet. Hawnhekk hu sejjaħ għal miżuri urġenti biex  tkun  indirizzata ż-żieda drastika fil-prezzijiet tal-proprjeta’ u fil-kirjiet. Hu qal li f’ċertu   każijiet, il-ħaddiema ma jistgħux jippjanaw għall-futur sabiex jibdew familja għax m’għandhomx il-mezzi finanzjarji biex jikru jew  iħallsu l-kera kull xahar ta’ €750.

Irrefera wkoll dwar il-flessibbilta’ tal-ħaddiema u saħaq dwar  il-professjonalita’ fejn il-ħaddiema m’għandhom qatt ikun parassiti. Il-ħaddiem irid jaddatta għaċ-ċirkostanzi  u jrid jevolvi. Kull tip ta’ ħaddiem irid ikollu l-istess sentiment. “Insibu bilanċ bejn l-esiġenza tat-teknoloġija, il-qawwa tas-software u x-xogħol li jagħti dinjita’ lill-bniedem. Ma ninsew qatt li l-bniedem għandu bżonn mhux biss ix-xogħol imma d-dinjita’ tiegħu”.

Fl-introduzzjoni għall-konferenza, Jesmond Bonello, Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers, stqarr fost oħrajn li jkun żball jekk xi ħadd iħares lejn il-ħaddiem bħala numru jew oġġett li jiġi mkejjel mill-qligħ jew mill-aspett tal-produttivita’ tiegħu biss.

Hu qal li l-UĦM Voice of the Workers kienet u għadha tħaddan valuri morali u dejjem tkellmet b’mod konsistenti irrispettivament minn min ikun quddiemha. Jesmond Bonello żied li l-UĦM, matul is-snin, żammet l-għeruq tal-valuri tagħha intatti u kienet kapaċi tinbidel sabiex taddatta għaż-żminijiet. Din il-union addottat metodi ta’ ħidmiet ġodda, qed tinvesti fir-riżorsi umani, fit-teknoloġija  u fir-ristrutturar tal-bini tagħha.

Gian Paul Gauci, Assistent Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers, tkellem dwar il-proċess tax-xogħol amministrattiv li sar  matul is-sena li għaddiet. Hu fisser, fost oħrajn, kif il-proċessi tal-UĦM u ta’ FSS Ltd. qed ikunu immassimizzati sabiex ikunu aktar effiċjenti u fuq kollox  professjonali. Gian Paul Gauci tkellem dwar il-Call-Centre, is-sezzjoni tal-Marketing, tal-istampar u s-Sħubija kif ukoll tal-Accounts li jinsabu taħt saqaf wieħed fl-Istitut Kattoliku.

Aktar qabel ixxandar filmat li matulu ġie spjegat il-proċess ta’ kif isir ftehim kollettiv.

Edwin Balzan, Assistent Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers, ta preżentazzjoni u fisser il-proġett ta’ tisbiħ li se jkun qed isir fil-Head Office tal-union fix-xhur li ġejjin.

Il-konferenza kompliet b’tagħrif dwar is-sehem ta’ inhouse unions u assoċjazzjonijiet ġodda. Fl-ewwel preżentazzjoni sar diskors minn Graham Sansone, Executive Head tal-Union of Professional Educators (UPE). Hu tkellem dwar ir-raġunijiet għaliex twaqqfet union ġdida tal-edukaturi. Graham Sansone stqarr li l-lealta’ tal-UPE hi lejn il-membri. Hu qal li l-għalliema u l-edukaturi ilhom għal ħafna snin jiġu mċaħħdin milli jkunu elevati, milli jingħataw ir-rispett li jixirqilhom. Graham Sansone saħaq li l-għalliema u l-edukaturi  mhux biss għandhom igawdu rispett mill-istudenti u mill-ġenituri tagħhom imma jridu wkoll igawdu rispett minn min imexxi is-settur edukattiv. Hu wiegħed lill-membri tal-UPE li huma se jkunu qed isibu spalla fuq x’hiex jistrieħu.

Sussegwentament tkellem Paul Gatt, il-President tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Reġjuni (ANSEK). Hu tkellem dwar ir-rwol tal-Assoċjazzjoini sabiex ikun hemm livell ta’ governanza tajba. Paul Gatt faħħar lill-UĦM talli s-segretarji eżekuttivi jgawdu minn titjib fil-kundizzjonijiet. Fuq kollox hu tkellem dwar ir-rwol tal-kunsilli lokali li jagħtu servizz mitqlu deheb  lir-residenti fil-komunita’.

Il-programm kompla b’intervista li saret lil Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers minn Rachel Attard,  Editor-in-Chief ta’ The Malta Independent.

Philip von Brockdorff, ir-rappreżentant ta’ din il-union fil-Kumitat Ekonomiku  u Soċjali Ewropew (EESC), tkellem dwar ir-rwol u l-kontribut tiegħu f’dan il-Kumitat. Hu saħaq, fost oħrajn, li mhux biss is-sigħat li tagħmel ix-xogħol jgħodd imma l-kwalita’ tax-xogħol li tagħmel.

Albert Buttigieg, Amministratur ta’ FSS  Ltd.  tkellem dwar is-sehem ta’ din il-kumpanija sussidjarja ta’ din il-union fil-proġett Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Work Programme Initiative.

Wara sessjoni ta’ mistoqsijiet mid-delegati preżenti, saret preżentazzjoni ta’ tifkira lil Therese Galdes Debono li għal diversi snin ħadmet fi ħdan il-union u kienet ukoll responsabbli mit-Taqsima Pensjonanti.

Il-konferenza ntemmet bid-daqq u l-kant tal-Innu Malti.