Approvat b’maġġoranza l-ftehim kollettiv tal-MCAST


  March 2, 2018 10:31 am

Il-UĦM Voice of the Workers tħabbar li l-ftehim kollettiv għall-ħaddiema fl-amministrazzjoni, dawk klerikali u s-support staff fi ħdan il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST), ġie approvat minn 84 fil-mija tal-ħaddiema li vvotaw sabiex dan il-ftehim jiġi ffirmat.

Il-ftehim kollettiv il-ġdid jinkludi numru ta’ kundizzjonijiet ġodda għall-ħaddiema, fosthom, għaxar ġimgħat ta’ nofs ta’ nhari, flessibbilta’ għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja kif ukoll tisħiħ fil-proċeduri tal-vacation leave.

Permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv se jkun hemm ukoll titjib fis-salarji, b’żidiet sostanzjali, għal perijodu ta’ ħames snin.

Intant il-UĦM Voice of the Workers, permezz tat-Taqsima Edukazzjoni u Kura, ippreżentat dan id-dokument lid-diversi kategoriji ta’ ħaddiema f’laqgħa li saret riċentament u l-maġġoranza tagħhom qablet li l-pass li jmiss hu li l-ftehim jiġi ffirmat.

It-Taqsima tal-Edukazzjoni u Kura esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għar-riżultat tal-votazzjoni li hu frott ir-relazzjoni tajba li teżisti bejn bejn din il-union u l-MCAST. Ringrazzjament kbir imur lejn il-ħaddiema kollha tal-appoġġ kontinwu taghhom.

Il-ftehim kollettiv bejn il-UĦM Voice of the Workers u l-MCAST se  jkun iffirmat il-ġimgħa d-dieħla.