fbpx

Appell biex ikunu rranġati l-anomaliji fil-pensjonijiet tas-servizz

Issa li l-Gvern   ħabbar id-data tal-elezzjoni ġenerali, it-Taqsima Pensjonanti fi ħdan UĦM Voice of the Workers tħoss li wara erba’ snin ta’ Gvern Laburista ma ġewx ikkoreġuti l-anomaliji li nħolqu fil-pensjonijiet ta’ dawk l-impjegati tas-servizz, hekk kif kien imwiegħed fil-Programm Elettorali tiegħu fl-2013.

It-Taqsima tfakkar li fil-Programm Elettorali 2013, il-Partit Laburista f’pagna 79 Klawsola 38 taħt is-sub titolu “Pensjonijiet fis-sod” kien iddikjara li se:

“Naħdmu flimkien ma dawk konċernati biex nibdew nikkoreġu l-anomaliji fil-pensjoni tas-servizz u li jolqtu lil numru ta’ ħaddiema tal-Gvern.”

Dan il-Gvern ma ħadem xejn mat-Taqsima Pensjonanti fi ħdan din il-union sabiex tkunikkoreġuta din l-anomalija Ii kien ħoloq il-Gvern Laburista fl-1979 u matul dawn is-snin eluf ta’ ħaddiema tilfu ħafna flus mill-pensjoni tagħhom. Din il-pensjoni kienu ntitolati għaliha għax ħallsu l-kontribuzzjonijiet dovuti.

Illum hawn fil-pajjiż madwar 13,000 pensjonant, bejn pulizija, suldati, ħaddiema tal-Gvern kif ukoll eks impjegati tas-servizzi u tal-Gvern Ingliż li qed jieħdu pensjoni mnaqqsa kawza ta’ din l-anomalija li issa ilha magħna kwazi 40 sena.

Din it-Taqsima tħoss li issa li l-ekonomija tal-pajjiż marret tant ‘il quddiem dan il-Gvern kellu finanzi biżżejjed sabiex minn din is-sena stess jibda jħallas parti min dik is-somma mnaqqsa mill-pensjoni li dawn il-pensjonanti qed jiġu misruqa minnha.

F’dawn iċ-ċirkustanzi din it-taqsima tħeġġeġ lill-partiti politiċi kollha sabiex fil-programmi elettorali tagħhom jiddikjaraw bl-aktar mod ċar illi mill-ewwel Budget li jippreżentaw jibdew iħallsu lura parti mill-pensjoni dovuta sabiex b’hekk, fi żmien qasir, il-pensjoni kollha dovuta lil kull wieħed minn dawn it-13,000 pensjonant titħallas b’mod sħiħ.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment