Aktar sforzi biex tonqos id-diskrepanza fis-salarji bejn l-irġiel u n-nisa


  April 20, 2018 3:07 pm

 

F’konferenza bit-tema Closing the Gender Pay Gap, li saret fil-Palazz San Anton, Ħ’Attard il-Ġimgħa 20 ta’ April 2018, tħabbar li malli l-ħaddiema rġiel u nisa jsiru ġenituri, id-differenza fis-salarji tagħhom togħla minn sitta sa 16.6 fil-mija.

Skont tagħrif ġdid li ġie provdut, in-nisa li jaħdmu fis-setturi tal-finanzi u tal-IT jispiċċaw agħar mill-kollegi rġiel  fi ħdan l-istess setturi.

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca indirizzat il-konferenza u, fost oħrajn, qalet li skont l-aħħar tagħrif miġbur mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, kważi kwart tan-nisa Maltin jisħqu li mhumiex kapaċi jaħdmu minħabba responsabbiltajiet personali u tal-familja. Min-naħa l-oħra, hi qalet li l-indiċi tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn  is-Sessi jinnota li waħda mill-aktar sfidi serji għall-ugwaljanza  tas-sessi f’Malta hi l-qasma żbilanċjata tal-ħin użat min-nisa u l-irġiel fuq xogħol mhux imħallas. Dan jinkludi l-ħarsien, xogħol id-dar, qadjiet u attivitajiet soċjali.

Barra minn hekk, il-President stqarret li qed isiru qabżiet konsiderevoli ‘l quddiem, f’termini ta’ leġislazzjoni u politika. Madankollu, m’aħniex mixjin bl-istess pass biex niksbu l-qabża mentali u kulturali tant   meħtieġa biex negħlbu l-preġudizzju u d-diskriminazzjoni.

Skont l-aħħar indiċi tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, is-sehem tan-nisa Maltin li huma membri ta’ bordijiet fl-akbar kumpaniji, hu biss ta’ 3.8 fil-mija, meta  mqabbel mal-medja Ewropea ta’ 21.7 fil-mija.

Hi fissret li hu wisq ta’ tħassib li d-diskrepanza fis-salarji bejn l-irġiel u n-nisa kważi ttripplat fl-aħħar erba’ snin: minn 4.5 fil-mija fl-2014 għal 11 fil-mija fl-2018. Il-President Coleiro Preca kkwotat lill-Professur Anna Borg, id-Direttur taċ-Ċentru dwar l-Istudji fuq ix-Xogħol li qalet li “in-nisa jaħdmu b’xejn aktar minn xahar kull sena minħabba d-diskrepanza fil-pagi u l-affarijiet se jmorru agħar jekk ma jsir xejn”.

Anna Borg, id-Direttur taċ-Ċentru dwar l-Istudji fuq ix-Xogħol, fissret li d-diskrepanza fis-salarji għandha raġunijiet kumplessi u tinvolvi d-diskriminazzjoni diretta u indiretta. Hi qalet li f’ħafna postijiet tax-xogħol hemm ċertu segretezza dwar is-salarji. Hi allegat li min iħaddem qed jiddeċiedi hu x’salarji għandu jagħti lill-ħaddiema tiegħu.

Hi qalet li d-diskrepanza fil-pagi tirrifletti ostaklu strutturali li n-nisa qed iħabbtu wiċċhom  magħhom sabiex jamalgamaw ix-xogħol mal-familja. Il-Prof. Borg qalet in-nisa spiss jieqfu mix-xogħol meta jsiru ommijiet u dan il-fatt qed ikun ta’ xkiel finanzjarju għalihom.

Il-Prof. Borg qalet li f’numru ta’ pajjiżi Ewropej, bħall-Ġermanja, il-waqfa mill-karriera taffettwa d-dħul finanzjarju tal-persuna.

Kollox ma’ kollox hi saħqet dwar il-bżonn li jkun enfasizzat il-prinċipju “ħlas ugwali għall-istess xogħol”. Hi żiedet li l-irġiel wkoll għandu jkollhom kwota serja ta’ leave paternali mħallas.

Jocelyn Magro, mill-NSO, għamlet preżentazzjoni u fissret, fost oħrajn, li l-ogħla rati ta’ diskrepanzi fis-salarji jinsabu f’karrieri marbutin mal-finanzi u l-assigurazzjoni. Hi qalet li l-ġenitur maskili qed jaqla’ 16.6 fil-mija aktar mill-ġenitur femminili. Jocelyn Magro qalet li d-diskrepanza tas-salarji bejn l-irġiel u n-nisa tiżdied mal-eta’ u żiedet li akbar ma jkun il-post tax-xogħol inqas tkun id-diskrepanza. Hi rrimarkat ukoll li fl-impjiegi part-time, in-nisa qed jitħallsu aktar mill-irġiel.

Kenny Muscat, mill-General Workers’ Union (GWU), qal li l-union li hu jirrappreżenta tinnegozja skont il-ħiliet. Hu saħaq li min  jagħmel il-policies għandu jiffoka aktar  fuq l-edukazzjoni u t-tisħiħ tal-ħiliet. Kenny Muscat stqarr li wieħed għandu  jidentifika dawk is-setturi li jħallsu inqas.

Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, qal li l-abbuż l-aktar li jirrenja f’postijiet fejn il-ħaddiema mhumiex imseħbin f’union. Hu spjega li l-ftehim kollettivi jindirizzaw il-kwistjoni tas-segretezzi fil-kuntratti tax-xogħol. Il-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice of the Workers fisser kif il-union  kienet ipproponiet it-twaqqif ta’ portall fejn wieħed ikun  jista’ jara l-kuntratti tax-xogħol fuq l-internet. Dan il-portal jista’ jgħin lill-unions u anki lill-Gvern sabiex jifhmu aħjar is-suq tax-xogħol kif ukoll jittratta l-problemi marbuntin mad-diskrepanza fil-pagi. Il-portal jista’ jkun ta’ mitqlu deheb għall-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika biex jiġbor l-informazzjoni.

Joe Farrugia, id-Direttur Ġenerali ta’ Min Iħaddem (MEA) qal li l-Assoċjazzjoni li hu jmexxi qatt ma tista’ taċċetta li żewġ persuni jagħmlu l-istess xogħol iżda jitħallsu differenti. Hu jattribwixxi d-diskrepanza fis-salarji fl-iżbilanċ fir-responsabbiltajiet tal-familja. Joe Farrugia żied li  l-maġġoranza tat-talbiet għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja jsiru min-nisa li sussegwentament jispiċċaw bi tnaqqis fid-dħul tagħhom. Joe Farrugia rrimarka li l-MEA ma tinkoraġġixxi il-family-friendly measures iżda takkomoda t-talbiet li jsiru. Hu żied li għandu jkun hemm bidla fil-kultura u kompla li ma nistgħux nippermettu parteċipazzjoni baxxa min-nisa fis-suq tax-xogħol.

Amanda Catania, mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza rreferiet għal xi każi li l-Kummissjoni ltaqgħet magħhom u indirizzat minnufih. Hi qalet li l-vittmi ta’ diskriminazzjoni mhumiex konxji tal-prinċipju “ħlas ugwali għall-istess xogħol” kif hemm iswed fuq l-abjad fil-Liġi.

Charlotte Gregory, mill-għaqda emPOWERm, qalet li jrid ikun hemm aktar inċentivi għan-nisa biex isibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. Hi qalet li d-diskrepanza fis-salarji bejn l-irġiel u n-nisa hi problema għas-soċjeta’ b’mod sħiħ. Hi żiedet li min iħaddem għandu jikkoopera iżjed u jkun aktar flessibbli.