fbpx

Aktar rispett lill-ħaddiema sabiex ‘il quddiem ikollhom pensjoni adekwata

“Jekk irridu rridu nirrispettaw lill-ħaddiema trid issir ħidma fuq il-pensjonijiet sabiex dawn mhux biss ikunu sostenibbli imma adekwati”. Dan ħareġ minn żjara ta’ kortesija li l-management tal-UĦM Voice of the Workers għamel lill-President ta’ Malta George Vella fil-Palazz, il-Belt nhar it-Tnejn 22 ta’ April 2019.

Għal din iż-żjara kienu preżenti Jesmond Bonello, Direttur; Edwin Balzan, Assistent Direttur u Gian Paul Gauci, Assistent Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers.

Il-President ta’ Malta George Vella, fl-introduzzjoni tiegħu, stqarr li hu ġej mill-familja tal-ħaddiema u minn dejjem kien jinteressa ruħu fir-relazzjonijiet  industrijali, partikularment il-psikoloġija soċjali tax-xogħol. Wara li ggradwa bħala tabiba hu serva bħala t-tabib tat-Tarzna għal seba’ snin.

Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, qal li t-trejdunjoniżmu għadu jsarraf u l-union trid tara kif għandha tinbidel maż-żminijiet. Hu fisser  li fl-2015 il-UĦM bidlet l-istatut sabiex il-union tkun aktar relevanti. Illum  il-UĦM Voice of the Workers qed tibbaża l-ħidma tagħha fuq nies li huma kapaċi u li jimmeritahom li jkunu rappreżentanti tal-kollegi tagħhom.

Fil-laqgħa mal-President ta’ Malta saret diskussjoni dwar is-suq tax-xogħol u hawn saret referenza għall-ħaddiema barranin u l-impatt tagħhom fuq is-soċjeta’ Maltija. Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li wħud minn dawn il-ħaddiema barranin qed jaċċettaw kundizzjonijiet ta’ xogħol li l-Maltin mhumiex qed jaċċettaw.

Josef Vella qal li l-preżenza tal-ħaddiema barranin qed tagħmel pressjoni kbira fuq il-kirjiet kif ukoll fuq is-servizzi tas-saħħa. Il-ħaddiema membri fil-UĦM Voice of the Workers jistgħu jixhdu dan peress li qed iħabbtu wiċċhom ma’ ħafna pazjenti barranin.

Il-President ta’ Malta qal li huwa jsegwi b’interess il-ħidma u l-isforzi ta’ UĦM Voice of the Workers biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema.

Il-President Vella qal li s-solidarjeta’ li konna naraw 30 sena ilu spiċċat illum. Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers żied li anki l-ħaddiema membri nbidlu fil-mod kif jirrelataw mal-union. Il-ħaddiema mhux biss iridu titjib  fis-salarji imma qed jagħmlu pressjoni fuq il-union biex ikollhom aktar flessibbilta’ fil-post tax-xogħol. Hu  qal li  l-ġenituri t-tnejn qed jaħdmu u l-ħsieb  li dejjem jitqajjem hu xi jsir mill-ulied wara li dawn jispiċċaw mill-iskola. Uħud għandhom ix-xorti tal-ħarsien min-nanniet imma oħrajn jitħallew f’child care  centre peress  li hawn nanniet li għadhom jaħdmu.

Fil-laqgħa kienu diskussi wkoll l-isfidi ewlenin li l-UĦM Voice of the Workers qed tara fis-suq tax-xogħol. Tqajjem is-suġġett taż-żgħażagħ Maltin li qed isibuha diffiċli biex isibu mpieg għax joħorġu mill-iskola mingħajr ebda kwalifika jew ħila.

Josef Vella qal li qed tingħata wisq importanza lill-ħiliet akkademiċi milli ħiliet oħrajn li l-pajjiż għandu bżonn fis-suq tax-xogħol.

Il-President qal li l-ikbar dispjaċir tiegħu hu li l-ħaddiema tat-Tarzna, bil-kompetenzi kbar tagħhom, ma baqgħux japplikaw il-ħiliet  tagħhom u spiċċaw sparpaljati. Hu żied li l-problema hi li qed nesperimentaw wisq bl-edukazzjoni. Madankollu, hu saħaq li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta ta’ kollox għax mingħajrha la għandek żvilupp u lanqas għandek mobbilta’ soċjali.

Fil-laqgħa saret ukoll diskussjoni dwar il-pensjonijiet u l-President Vella stqarr li l-anzjani m’għandhomx inaqqsu minn  dak li kisbu. Hu saħaq li rridu naħdmu fuq pensjonijiet li jkunu aktar sostenibbli.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers tkellem dwar il-pensjoni taż-żgħażagħ, pensjoni li hi kunsidrata bħala sfida li ma tridx tinstabilha soluzzjoni issa imma rridu naħdmu għaliha għall-pensjoni ta’ għada. Josef Vella qal li din il-pensjoni bl-ebda mod ma tista’ tara d-dawl. Madankollu, din  il-union ikkummissjonat studju bl-għajnuna tal-Prof. Iain Clacher mill-Universita’ ta’ Leeds fir-Renju Unit dwar l-adekwatezza ta’ din  it-tip ta’ pensjoni.

Il-President ta’ Malta saħaq li jekk irridu nirrispettaw lill-ħaddiema trid issir ħidma fuq il-pensjonijiet. Hu żied li rridu naħdmu wkoll dwar it-tisħiħ fil-kwalita’ tal-ħajja u l-prospettivi tal-ħaddiema.

Intant fil-bidu ta’ din iż-żjara l-President ta’ Malta George Vella ġie ppreżentat b’rigal li kkonsista f’kollezzjoni prestiġjuża ta’ qxur tal-baħar u qxur tal-bebbux.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment