Aktar ħaddiema jagħtu fiduċja lil UĦM Voice of the Workers biex tirrapreżentahom


  September 13, 2017 9:57 am

Il-UĦM għadha kemm kisbet ir-rikonoxximent ta’ tliet gruppi ta’ ħaddiema f’setturi ta’ xogħol differenti.

L-ewwel  grupp jikkonċerna impjegati tal-kumpanija Signal 8 Security, li jaqdu dmirijiet bħala mooring men mal-Gozo Channel. Dawn il-ħaddiema issa ġew organizzati u waqqfu kumitat, tant li ħejjew diversi laqgħat biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Grupp ieħor ta’ ħaddiema rikonoxxut mill-UĦM hu dak li  jkopri impjegati fil-kafeterija tal-vapuri tal-Gozo Channel. Dawn huma ħaddiema li huma impjegati mal-kuntrattur jew aħjar mal-kumpanija JF Security and Consultancy Services Limited.

Dawn il-ħaddiem sabu vuċi fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers u minnufih qed isir xogħol relatat mat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom kif ukoll mal- ħinijiet, max-xiftijiet u mar-rati tas-sahra.

Id-Direttur tax-Xogħol ukoll irrikonoxxa lil UĦM Voice of the Workers sabiex tirrapreżenta l-ħaddiema tal-kumpanija BIETA li tinsab fiz-Zona Industrijali ta’ Bulebel.

BIETA hi assoċjazzjoni li timpjega grupp ta’ ħaddiema li jieħdu ħsieb il-manutenzjoni, it-tiswija u t-tisbiħ taz-Zona Industrijali.  Il-ħaddiema fi ħdan  din il-kumpanija kienu ngħataw pakkett finanzjarju li baqa’ staġnat u li mhux relattiv mar-responsabbiltajiet tagħhom.

Il-UĦM Voice of the Workers diġa’ bdiet bit-taħditiet u l-laqgħat mal-kumpanija BIETA sabiex il-vuċi ta’ dawn l-impjegati tinstema’ u, fuq kollox, sabiex id-drittijiet ta’ dawn il-ħaddiema jkunu salvagwardjati.