fbpx

Aktar għarfien lill-ħaddiema biex jevitaw il-periklu fil-post tax-xogħol

“Hemm bżonn li nsaħħu l-għarfien, permezz tax-shop stewards, dwar minn xiex jgħaddu l-ħaddiema u kif dawn jevitaw il-periklu fil-post tax-xogħol”. Dan qalu  Jesmond Bonello, Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers, f’konferenza tal-aħbarijiet, li matulha tħabbru dettalji dwar il-proġett Unions for Health and Safety. L-avveniment sar fil-bini tal-General Workers’ Union (GWU), il-Belt it-Tnejn 18 ta’ Diċembru 2017.

Dan il-proġett, b’valur ta’ €165,000, għandu jwassal sabiex 180 ħaddiem jingħataw it-taħriġ. Bl-għajnuna ta’ dan il-proġett, se ssir riċerka fuq l-istat tal-implimentazzjoni fejn tidħol is-saħħa u s-sigurta’ f’Malta.

Id-Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li fejn tidħol is-saħħa u s-sigurta’ fil-post tax-xogħol, il-UĦM u l-GWU qed jaħdmu flimkien sabiex jużaw ir-riżorsi kollha ħalli jkun hemm aktar għajnuna lill-ħaddiema, għaliex dawn huma prijorita’.

Jesmond Bonello qal li “hemm bżonn li nsaħħu l-għarfien, permezz tax-shop stewards, dwar minn xiex jgħaddu l-ħaddiema u kif dawn jistgħu jevitaw il-periklu fil-post tax-xogħol. Jesmond Bonello saħaq li sal-lum mhux qed nagħtu prijorità lill-kazijiet bħal stress fil-post tax-xogħol u kwistjonijiet marbutin mas-saħħa, bħal il-kanċer li hu kawżat mill-postijiet tax-xoghol.

“Għaldaqstant jeħtieg ukoll li naraw, permezz tar-riċerka, jekk il-liġijiet humiex addattati. Sfortunatament hemm affarijiet li huma lil hinn mil-liġi. Tajjeb li ngħidu li d-dinja tax-xogħol inbidlet u saret aktar produttiva filwaqt li l-għaġla iġġib maghha nuqqas ta’attenzjoni u nuqqas ta’ prijoritajiet. Għalhekk dan jista’ jiġi indirizzat permezz ta’ kampanja ta’ għarfien”, sostna d-Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers.

Josef Bugeja, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, stqarr li għall-unions is-saħħa u sigurta’ tal-ħaddiema hija importanti ħafna.  “Għaldaqstant il-GWU u l-UĦM ingħaqdu sabiex ifasslu proġett dwar dan il-qasam.  Dan il-proġett, bl-isem ta’ Unions for Health and Safety – li qed jiġi ffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew 2014 -2020, qed jippromwovi u jżid l-għarfien dwar is-saħħa u s-sigurta’ fil-postijiet tax-xogħol, kif ukoll isaħħaħ lill-ħaddiema u lil min iħaddem dwar kif jimplimentaw policies f’dan il-qasam b’mod effettiv”, saħaq Bugeja.

Aaron Farrugia, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali, saħaq li hemm bżonn li jiġu spjegati aktar ir-responsabbiltajiet u l-proċeduri dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol. Is-saħħa u s-sigurta’ fil-post tax-xogħol jaffettwaw il-produttivita’ speċjalment meta jkun hemm involuti ħaddiema ta’ ċertu eta’. “Għaldaqstant, sostna s-Segretarju Parlamentari Farrugia, jekk tiżdied is-saħħa u s-sigurta’ fil-post tax-xogħol inkunu qed naraw li ħafna nies ma jirtirawx qabel iż-żmien”.

Is-Segretarju Parlamentari Farrugia żied li se jkun hemm kampanja edukattiva sabiex jiżdied it-tagħrif fuq is-saħħa u s-sigurta’ u dan permezz ta’ reklami fuq it-televiżjoni, fil-media soċjali, fuq ir-radju u anke fuq il-gazzetti. Hu saħaq dwar il-ħtieġa li jkun hemm ħaddiema b’saħħithom biex l-ekonomija tkun b’saħħitha filwaqt li temm li dan il-proġett qed jara li jkun hawn aktar tagħrif f’dan ir-rigward.

Intant, minbarra l-UĦM Voice of the Workers u l-GWU, l-imsieħba f’dan il-proġett huma l-Knisja f’Malta, l-Awtorita’ dwar is-Saħħa  u s-Sigurta’ (OHSA), l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA), is-CMTU u l-ForUM.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll Edwin Balzan, Assistent Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers u Kevin Camilleri, Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment