82 uffiċjal xjentifiku se jgawdu minn ftehim settorali ġdid


  July 18, 2019 2:54 pm

Il-UĦM Voice of the Workers flimkien ma’ tliet ministeri ffirmaw ftehim settorali għal 82 Scientific Officer li jaħdmu fid-Dipartiment  tas-Saħħa, fid-Dipartiment  tal-Agrikoltura u mal-Ministeru ta’ Għawdex.

Jesmond Bonello, id-Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers,  qal li minn dan il-ftehim il-ħaddiema mhux biss se jgawdu minn titjib  fis-salarji u fil-kundizzjonijiet  tax-xogħol tagħhom; se jkun qed itejjeb  il-karriera tas-Scientific Officers permezz ta’ taħriġ kontinwu. Hu qal li l-union riedet li s-Scientific Officers igawdu minn pakkett sħiħ, li minnu  nnifsu jirrikonoxxi l-kontribut tagħhom f’xogħolhom. Id-Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers żied li s-Scientific Officers huma professjonisti li jaħdmu id f’id ma’ professjonisti oħrajn u allura jkun  xieraq li jkollhom kundizzjonijiet tajbin.

Chris Fearne, il-Viċi Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, stqarr li permezz ta’ dan il-ftehim aktar żgħażagħ se jkunu attirati biex jidħlu għal dan ix-xogħol speċjalizzat li mingħajru s-servizzi tas-saħħa u tal-agrikoltura f’Malta u f’Għawdex ma jseħħux. Il-Ministru Fearne faħħar lis-Scientific Officers fil-Ministeru tas-Saħħa li jagħtu servizz imprezzabbli lill-pazjenti. Fosthom hemm erba’ clinical perfusionists li huma responsabbli biex iħaddmu l-magni li jippermettu l-operazzjonijiet tal-qalb biex isiru, kif ukoll 11-il dietician li jaraw eluf ta’ pazjenti bid-dijabete. Hemm ukoll żewġ scientific officers li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Orthotics u l-Prosthetics li jieħdu ħsieb 16,000 pazjent li jaqgħu taħt il-kura tagħhom.

Jose’ Herrera, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent  u l-Bidla fil-Klima, qal li s-Scientific Officers jagħtu servizz vitali u għaldaqstant jixirqilhom inkoraġġiment fix-xogħol u fil-karigi tagħhom. Il-Ministru Herrera żied li permezz ta’ dan il-ftehim ġiet  rikonoxxuta s-seniority tagħhom u qed jitħalla spazju biex is-Scientific Officers ikunu jistgħu jimirħu iżjed fis-suġġett u allura jkunu jistgħu jtejbu l-karriera tagħhom. Jose’ Herrera fisser li s-Scientfic Officers  li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jwettqu l-ħidma tagħhom f’numru ta’ dipartimenti, bħal fid-Dipartiment  tas-Sajd  u l-Akwakultura, fid-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji u  tas-Saħħa tal-Pjanti kif ukoll f’xogħol ta’ riċerka fi ħdan Ambjent Malta.

Preżenti għall-okkażjoni kien hemm, fost oħrajn, Edwin Balzan,  Assistent Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers.